Previous slide
Next slide

L-Istorja tal-lokalità Pietà-Guardamangia hija magħmula minn żewġ lokalitajiet distinti li maż-żmien bdew jiffurmaw distrett wieħed. Il-parti t’isfel, imsejħa Pietà, bdiet l-iżvilupp tagħha kważi immedjatament wara l-Assedju l-Kbir tal-1565. Waqt dik il-ġrajja kbira, l-Ottomani tellgħu wieħed mill-akbar kampijiet tagħhom hawn, u ġabu bidla ambjentali tremenda. Wara t-tluq tagħhom il-post tħalla meqrud għal kollox.

Madankollu, evidenza dokumentata turi li n-nies bdew joqogħdu l-Pietà sa mill-1570. Dan kien prinċipalment minħabba l-bini tal-Belt Valletta, li tinsab qrib ħafna fil-Lbiċ. Ftit wara, waqt il-pesta tal-1592-94, inbena ċimiterju kbir fil-Pietà, u dan beda jikkontribwixxi għall-urbanizzazzjoni u t-tkabbir tal-popolazzjoni tiegħu. Tant hu hekk li fl-1612 inbnew kappella u dar għar-rettur iddedikati lill-Madonna tad-Duluri (‘La Pietà’ bit-Taljan) li minnha ħadet isimha l-lokalità. Dan kien fdat f’idejn il-patrijiet Agostinjani, li baqgħu hemm sal-1652. Iżda tifqigħa oħra tal-pesta ħarbtet il-ħajja fl-inħawi sal-1714. Wara dan, in-nies bdew jerġgħu lura biex jibnu djarhom hemmhekk u jgawdu l-atmosfera serena tal-post. Inbnew djar sbieħ, u nbnew ġonna spazjużi. Il-Pietà kienet nofs triq bejn il-Belt Valletta u l-Furjana, u l-inħawi ta’ Tas-Sliema, u dan taha ħafna prominenza bħala post idilliku ta’ kommutazzjoni u post preferut ta’ residenza.