Ġeografija u Storja

Dwar il-Pietá

Iż-żewġ lokalitajiet distinti ta’ Pietà-Guardamangia, li llum jiffurmaw distrett wieħed, għandhom formazzjonijiet ġeografiċi differenti. Il-Pietà żviluppat fit-tarf t’isfel ta’ wied fond, li qabel kien magħruf bħala ‘Wied il-Qasab’. Dan il-wied naturali jinsab fil-parti ta’ ġewwa tal-Port ta’ Marsamxett. Gwardamangia, min-naħa l-oħra, kiber fuq promontorju, li qabel kien magħruf bħala ‘Il-Qortin’, li kien jagħti fuq il-wied fuq ix-xellug. Din l-art hija madwar sittin metru l fuq mil-livell tal-baħar. L-ewwel li ġiet żviluppata kienet il-parti t’isfel tal-lokalità madwar l-aħħar tas-seklu 16, filwaqt li l-parti ta’ fuq żviluppat min-nofs is-seklu 20 ‘il quddiem. Ġeografikament, l-aktar bidliet drastiċi seħħew fil-wied. Ix-xatt, pereżempju, kien ferm aktar profond milli hu llum, u kien jikkonsisti f’bajja tar-ramel. Dan imtela matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Pietà-Guardamangia hija magħmula minn żewġ lokalitajiet distinti li maż-żmien bdew jiffurmaw distrett wieħed. Il-parti t’isfel, imsejħa Pietà, bdiet l-iżvilupp tagħha kważi immedjatament wara l-Assedju l-Kbir tal-1565. Waqt dik il-ġrajja kbira, l-Ottomani tellgħu wieħed mill-akbar kampijiet tagħhom hawn, u ġabu bidla ambjentali tremenda. Wara t-tluq tagħhom il-post tħalla meqrud għal kollox. Madankollu, evidenza dokumentata turi li n-nies bdew joqogħdu l-Pietà sa mill-1570. Dan kien prinċipalment minħabba l-bini tal-Belt Valletta, li tinsab qrib ħafna fil-Lbiċ. Ftit wara, waqt il-pesta tal-1592-94, inbena ċimiterju kbir fil-Pietà, u dan beda jikkontribwixxi għall-urbanizzazzjoni u t-tkabbir tal-popolazzjoni tiegħu.

Tant hu hekk li fl-1612 inbnew kappella u dar għar-rettur iddedikati lill-Madonna tad-Duluri (‘La Pietà’ bit-Taljan) li minnha ħadet isimha l-lokalità. Din kienet fdata f’idejn il-patrijiet Agostinjani, li baqgħu hemm sal-1652. Iżda tifqigħa oħra tal-pesta ħarbtet il-ħajja fl-inħawi sal-1714. Wara dan, in-nies bdew jerġgħu lura biex jibnu djarhom hemmhekk u jgawdu l-atmosfera serena tal-post. Inbnew djar sbieħ, u nbnew ġonna spazjużi. Il-Pietà kienet nofs triq bejn il-Belt Valletta u l-Furjana, u l-inħawi ta’ Tas-Sliema, u dan taha ħafna prominenza bħala post idilliku ta’ kommutazzjoni u post preferut ta’ residenza. Żvilupp bħal dan ħoloq il-ħtieġa li, bejn l-1721 u l-1740, il-kappella tal-Pietà tiġi aġġornata f’viċi-parroċċa tal-knisja tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Minn hemm ‘il quddiem, l-urbanizzazzjoni tal-lokalità kompliet l-espansjoni tagħha. 

 

Inbena ċimiterju tal-kolera fl-1865, u wkoll wieħed militari fl-1915 waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija. Imbagħad, lejn l-aħħar tas-snin għoxrin kellha sseħħ bidla drastika li kkontribwixxiet direttament għall-iżvilupp tal-parti ta’ fuq tal-lokalità, popolarment imsejħa Guardamangia minħabba waħda mill-ħafna vilel preżenti. Hekk kif ġara, il-promontorju li jagħti fuq il-Pietà ġie magħżul mill-gvern Ingliż bħala sit li fuqu kellu jinbena l-isptar ġenerali ta’ Malta. Dan ħa l-isem ta’ l-Isptar San Luqa, u nbena bejn l-1930 u l-1937. 

L-infrastruttura relatata mal-bini u t-tmexxija tal-isptar ikkontribwixxiet direttament għall-urbanizzazzjoni mgħaġġla taż-żona kollha, u l-popolazzjoni bdiet tikber, u ngħaqdet bħala belt waħda mar-raħal tal-Pietà u ma’ dak ta’ Guardamangia. Dan kompla jissaħħaħ bil-miġja tal-patrijiet Dumnikani fl-1945, li wara, bejn l-1953 u l-1954, waqqfu knisja kbira moderna għall-bżonnijiet pastorali tal-abitanti tal-madwar. Din il-knisja ġiet istitwita bħala parroċċa fl-1968, u b’hekk ġew rikonoxxuti uffiċjalment il-konfini tal-Pietà-Guardamangia. Fl-1994, dawn l-istess konfini ġew taħt il-ġurisdizzjoni formali tal-kunsill lokali li kien għadu kif twaqqaf.